Il-Ħadd wara nofsinhar fil-korsa tal-Marsa ingħata bidu għall-ewwel Kampjonat tas-sena hekk kif iż-żwiemel tal-kategorija ‘Gold’ bdew jikkwalifikaw għall-Kampjonat Assikura. Fil-fatt saru sitt heats fuq distanza ta’ 2140m li minnhom 24 żiemel għaddew għall-fażi tas-semi finali.
Fil-programm ukoll kien hemm tliet tiġrijiet normali fuq distanza ta’ 2640m inkluż waħda tal-Klassi Premier li r-riżultat tagħha dam ma ħareġ kważi 30 minuti sakemm ġie kkonfermat ir-rebbieħ Vif Ludois misjuq minn Charles Debono. Dan iż-żiemel kien għadu kemm ġie promoss għall-ewwel darba fi Klassi Premier minn mindu iddebutta fi Klassi Gold ftit aktar minn sena ilu.
Il-Heats tal-Kampjonat Assikura għall-Klassi Gold kienu kompetittivi bl-aħjar ħin ikun dak irreġistrat minn Sandsjons Revenue misjuq minn Charles Camilleri. Promoss għall-ewwel darba fi Klassi Gold iż-żiemel Black Gold rebbieħ tal-Prix de Cabourg f’Diċembru li għadda reġa kkonferma b’rebħa oħra misjuq minn Herman McKay filwaqt li Royal In misjuq minn wieħed minn sidienu Marco Debono irritorna għar-rebħ wara assenza pjuttost twila. Id-debuttant Alzano Verderie misjuq minn Nathaniel Barbara rebaħ ir-raba’ heat meta ma kienx meqjus bħala wieħed mill-favoriti u G.G.’s Magic Dream misjuq minn Rodney Gatt ħa t-tieni rebħa konsekuttiva tiegħu f’dan l-istaġun fil-ħames heat. L-aħħar heat rat ir-rebħa komda ta’ Ruy Blas d’Ariane misjuq minn sidu George Attard fejn għalkemm dan iż-żiemel kien diġa ħareġ rebbieħ tliet darbiet kemm ilu Malta pero din kienet l-ewwel darba misjuq minn Attard.
L-ewwel żewġ tiġrijiet kienu riservati għall-klassi Silver fejn id-debuttant Valentino du Sec ħareġ rebbieħ misjuq minn Redent Magro u Enzo Nova irritorna għar-rebħ wara aktar minn sena w nofs misjuq minn Toni Demanuele.
Is-Sibt u l-Ħadd li ġej ikollna żewġ programmi oħra ta’ tiġrijiet fejn ikunu iż-żwiemel tal-Klassi Bronze li jibdew jikkompetu fil-Kampjonat Assikura.
Ritratt: Alex Azzopardi