F’Tokjo fil-Ġappun ingħata bidu għal-logħob paralimpiku matul il-jum tat-Tlieta.
Tokjo hija l-ewwel belt fid-dinja li ser tkun qed tospita dawn il-logħob għat-tieni darba. Dan wara li lura fl-1964 kienu ospitaw il-logħob paralimpiku li fihom ħadu sehem 375 atleta minn 21 nazzjon differenti li ħadu sehem f’9 dixxiplini sportivi.
Din is-sena, f’dawn il-logħob ser jieħdu sehem 4,400 atleta minn 162 kumitat paralimpiku li ser jikkompetu għal kważi 539 midalja fi 22 dixxiplina sportiva.
Malta ser tkun rappreżentata minn Thomas Borg fl-atletika u Vladyslava Kravchenkov fl-għawm.
Il-logħob paralimpiku kienu kellhom jittellgħu s-sena l-oħra iżda kienu posposti minħabba l-pandemija. Minkejja dan, il-Ġappun bħalissa għaddej minn perjodu fejn qed jara żieda ta’ każijiet ta’ Covid-19.
L-organizzaturi tal-logħob paralimpiku mhux biss jixtiequ l-aqwa livell ta’ kompetizzjoni iżda jridu li dawn il-logħob ikunu ta’ eżempju għas-soċjetà Ġappuniża biex tkun iktar inklussiva.