Il-kunċett ta’ Christmas in the Park ingħata bidu għall-ġranet festivi tal-Milied.
Dan l-avveniment li qed jittella għall-ewwel darba f’pajjiżna huwa mmirat li joffri spettaklu u divertiment għall-familja kollha ġewwa l-Park tal-Familja f’Marsaskala.
Dawn l-attivitajiet tal-Milied huma mifruxa fuq erbatax-il ġurnata, kuljum mis-17 ta’ Diċembru sat-30 ta’ Diċembru.
Waqt il-ftuħ uffiċjali ta’ Christmas in the Park, kien hemm preżenti il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli u tenniet kif il-park ġie trasformat f’villaġġ tal-Milied sabiex joffri diversi attrazzjonijiet fosthom presepju ħaj. “Christmas in the Park hija attività li qegħdin nagħmlu għall-ewwel darba fil-park tal-familja f’Wied il-Għajn. Iddeċidejna li dan il-park li qiegħed fin-naħa t’isfel ta’ pajjiżna ikun miftuħ f’atmosfera tal-Milied fejn bdilnieh f’villaġġ għall-Milied fejn qegħdin nistiednu lill-familji bit-tfal tagħhom biex jattendu. Kulħadd jista’ jiġi hawnhekk, id-dħul huwa b’xejn, mingħajr ħlas u nappellaw lill-familji biex jiġu u jgawdu il-ġranet tal-Milied magħna f’atmosfera li hija sigura u fejn jistgħu jieħdu pjaċir propju f’dawn il-ġranet f’atmosfera mill-isbaħ.”
Tul dawn l-erbatax-il jum se jkunu qed jipparteċipaw artisti lokali u rinomati. Il-viżitaturi se jkunu jistgħu joħolqu wkoll ornamenti tal-Milied, u il-flus kollha li jinġabru se jingħataw donazzjoni għall-Istrina.