Il-Ġimgħa filgħaxija inxtegħel uffiċjalment id-dawl festiv fil-Belt Valletta, sabiex fil-jiem ta’ festi tal-Milied idawwal it-toroq prinċipali tal-Kapitali Maltija. B’hekk, ingħata bidu għall-programm Christmas in the Capital.
L-eluf ta’ Maltin, Għawdxin kif ukoll turisti li ser iżuru l-Belt f’dan iż-żmien ta’ ferħ u ċelebrazzjonijiet se jaraw quddiem għajnejnhom dawl ikkulurit u mill-isbaħ ferm differenti minn dak tas-snin ta’ qabel.
Minbarra d-dwal, hemm ukoll għadd ta’ siġar tal-Milied armati fit-toroq u l-pjazez ewlenin tal-kapitali, kif ukoll presepju fi Pjazza San Ġwann.
Din se tkun l-ewwel darba wara tliet snin ta’ pandemija li se jsiru mal-25 attività f’25 ġurnata.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta Jason Micallef, qal kif l-idea li l-Milied jiġi ċċelebrat kmieni ntlaqgħet ferm pożittiv mill-pubbliku.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici qal kif Il-Belt kapitali tagħna hi tradizzjonalment il-post fejn il-familji Maltin u Għawdxin jinġabru biex jiċċelebraw flimkien il-jiem tal-Milied.
Preżenti għal din l-attività kien hemm ukoll l-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-SMEs, Abigail Mamo. Hija tenniet li b’dak li ġie mħejji għall-Milied, il-Belt Valletta se terġa’ tkun il-post fejn il-familji u t-turisti jqattgħu żmien sabiħ ħafna flimkien.