Agostino Schembri, li sofra minn diżabiltà permanenti wara inċident tat-traffiku, se jingħata aktar minn €20,000 f’kumpens fuq ordni tal-Qorti.
L-inċident seħħ fi Triq San Luqa f’Tal Pietà f’Settembru tal-2014, meta karozza misjuqa minn Mehari Tesfagabar Ghebar ħabtet mal-mutur li kien qed isuq il-vittma.
Jidher li l-mutur u l-karozza kienu qed jinstaqu f’direzzjoni opposta, u ż-żewġ sewwieqa bdew jakkużaw lil xulxin b’sewqan eċċesiv. Fil-Qorti, il-vittma spjega li sofra diżabilità permanenti fi spalltu l-leminija kawża tal-inċident, u għalhekk, fetaħ il-kawża biex jingħata kumpens għad-danni li sofra.
Il-Qorti kkunsidrat il-veloċita li seta’ jsuq biha l-vittma, u l-veloċità li seta’ jsuq biha s-sewwieq tal-karozza. Hija kkonkludiet li dan tal-aħħar ma kienx qed jagħti każ vetturi li kienu ġejjin minn faċċata tiegħu.
Is-sewwieq tal-karozza inżamm responsabbli minn dan l-inċident, u kien ordnat iħallas €20,229.83 f’kumpens għad-danni li sofra l-vittma.