Ivan Galea ta’ sitta u erbgħin sena ngħata sentenza ta’ tmintax-il xahar priġunerija wara li ammetta li f’Lulju seraq xi oġġetti minn karozzi pparkjati fil-Belt.
Huwa kien mixli li seraq laptop u apparat industrijali fost l-oħrajn. Huwa mifhum li wara li kien għadu kemm ħareġ mill-ħabs, seraq statwa ta’ Johnnie Walker minn ħanut f’San Pawl il-Baħar, u minn filmat ta’ kamera fil-viċinanza, il-Pulizija rnexxielha tidentifika lill-imputat.
Fil-Qorti ntqal li l-akkużat ammetta għall-akkużi tiegħu f’fażi kmieni tal-investigazzjoni u anke rritorna l-oġġetti li seraq lis-sidien tagħhom.
Fil-Qorti, l-Avukat tad-Difiża sostna li l-imputat jixtieq jammetti għal dawn l-akkużi, iżda l-imputat innifsu sostna li biddel fehmtu u li jixtieq iwieġeb mhux ħati.
Kien hawn li l-Maġistrat Joe Mifsd spjega li jekk iwieġeb mhux ħati, ma jkunx eleġibbli għal sentenza minima, u għalhekk l-imputat wieġeb li hu ħati.
Il-Maġistrat Joe Mifsud ikkonsidra l-fatt li l-affarjiet misruqa ġew ritornati u li l-imputat ammetta għall-akkużi f’fażi kmieni.
Il-Qorti appellat lill-awtoritajiet tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex iħallu lill-imputat ikun attiv fil-ħabs u anke barra l-ħabs taħt is-superviżjoni tagħhom.