Il-Ħadd filgħodu diversi attivisti b’vuċi waħda, inġabru quddiem il-Parlment ta’ Malta sabiex jiffurmaw parti mill-mixja ta’ solidarjeta biex titqajjem kuxjenza kontra l-pjaga tal-Vjolenza Domestika.
Il-mixja, li ilha ssir għal dawn l-aħħar snin, ġiet organizzata mill-Fondazzjoni Dar Merħba Bik.
Il-Kummissarju kontra l-Vjolenza Domestika, Simone Cini, saħqet ma’ ONE News li bħala poplu Malti għandna naħdmu id f’id sabiex din il-pjaga li għandna fis-soċjetà tinqered darba u għal dejjem.
Żiedet tgħid li għandna wkoll nedukaw lill-ġenerazzjoni żagħżugħa sabiex inrawmu fihom sens ta’ ugwaljanza:
“Naħdmu id f’id ħalli nipruvaw, anke forsi għal dawk li illum għadhom żgħar, jitilgħu b’ċertu mentalità, mentalità ta’ iktar ugwaljanza bejn is-sessi, li hija waħda mill-affarijiet li sfortunatament, in-nuqqas tagħha jwassal għall-vjolenza domestika”.
Elaine Pavia, ir-rapreżentatriċi ta’ Dar Merħba bik, saħqet li b’din il-mixja qed jiġu wkoll fi tmiemhom is-sittax il-ġurnata ta’ attiviżmu kontra l-vjolenza domestika:
“Ovvjament qegħdin hawnekk biex bħala attivisti kollha kontra l-vjolenza domestika qegħdin hawn biex jiġu fi tmiemhom is-16–il jum kontra l-vjolenza domestika u vjolenza fuq it-tfal”.
Fost id-diversi persuni li attendew għal din il-mixja kien hemm il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca, rappreżentanti miż-żewġ naħħat tal-kamra u diversi rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet differenti.