Illum, ingħaqdu mal-Forzi Armati 67 membru ġdid.
Preżenti għaċ-ċerimonja li laqgħet lir-rekluti fil-Forzi Armati kien hemm il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali, ir-Riformi, u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri, flimkien mal-Kap Kmandant tal-Armata, il-Brigadier Jeffrey Curmi.
Il-Ministru Camilleri awgura lir-rekluti ġodda għall-karriera ta’ sodisfazzjon li qegħdin jibdew fil-Forzi Armati u fakkarhom fir-responsabbiltà li issa għandhom bħala membri tal-Forzi Armati. Huwa għamel referenza għall-fatt li, meta kien hemm il-bżonn, il-Forzi Armati sabu lill-Gvern magħhom, b’eżempji ċari bħal meta tfassal l-ewwel ftehim kollettiv b’kundizzjonijiet u drittijiet ferm aħjar.
Dan il-proċess ta reklutaġġ inbeda f’Novembru tas-sena li għaddiet. B’kollox, kienu 94 rekluta li ġew esposti għall-ħajja militari u taħriġ f’diversi apsetti. Wara dan il-proċess, 67 rekluta temmew it-taħriġ tagħhom b’suċċess. Fost dawn hemm erbgħa nisa u erbgħa Għawdxin.