Wara li temmew b’suċċess it-taħriġ intensiv ta’ għoxrin ġimgħa, 55 rekluta ngħaqdu mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. Bħalissa, dan id-dipartiment għandu ‘l fuq minn 400 uffiċjal.
Dawn ir-rekluti ħadu l-ġurament tal-ħatra tagħhom f’ċerimonja fil-kwartieri tad-dipartiment f’Ħal Far, bil-qofol ikun il-passing out parade.
Waqt din iċ-ċerimonja, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri elenka l-kisbiet tad-dipartiment grazzi għall-investiment massiċċ li sar mill-Gvern matul l-aħħar għaxar snin.
“Spjegajtilhom ukoll kif deħlin f’dipartiment li llum jgħożż id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tagħhom li ġew mtejba ħafna fl-aħħar snin u għaldaqstant tlabthom sabiex ta’ kuljum , mhux biss ikunu kburin b’dik l-uniformi li għandhom fuqhom imma ta kuljum jaħdmu sabiex jipproteġu u jsalvaw lil dawk kollha f’pajjiżna”
Il-Ministru Byron Camilleri
Tkellimna mal-aħjar rekluta Leigh Camilleri u r-rekluta Ruby Caruana dwar l-esperjenza tagħhom.
“Applikat għal dan ix-xogħol għaliex minn dejjem kienet il-ħolma tiegħi li nsir parti minn din il-familja tas-Civil Protection li jagħmlu tant xogħol tajjeb u nħossni kburi li sirt parti minn din il-familja.”
Leigh Camilleri
“Nagħmel kuraġġ lil kull min jixtieq jidħol fid-Dipartiment għax m’għandkomx għalfejn taqtgħu qalbkom.”
Ruby Caruana
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm id-Direttur Ġenerali Peter Paul Coleiro.
![](https://cdn.one.com.mt/wp-content/uploads/2025/02/08162812/PR250216d-1024x684.jpg)