Fil-programm Dissett, il-Prim Ministru żvela li għalqu l-ewwel tenders marbuta mal-proġett ta’ ħamsin miljun ewro fil-qasam tal-housing. Filwaqt li rrimarka kif il-gvern għandu l-finanzjament għall-proġett innota li hemm regoli li wieħed irid jimxi magħhom u spjega s-sitwazzjoni li sab il-gvern immexxi minnu.
“Niskanta bl-oppożizzjoni. Ħallitielna waiting list ta’ 3,000 ruħ u 60 post, imbagħad qed tiġi tiskanta li qed nistennew il-permess biex nibnu b’ħamsin miljun ewro,” qal il-Prim Ministru. Joseph Muscat għamilha ċara li l-għajnuna li l-gvern li qed jagħti lil dawk bi dħul baxx mhumiex miżuri ta’ sena.
Fisser kif inizjattivi bħal l-inwork benefit u l-għajnuna supplimentari qegħdin hemm biex jibqgħu jkunu msaħħa fl-istess ħin li l-pajjiż jibqa’ jnaqqas id-defiċit skont il-pjan tal-gvern. Minkejja dan, iddikjara l-Prim Ministru, il-paga minima mhix biżejjed biex tgħajjex familja biha u għalhekk se jibdew diskussjonijiet dwarha mal-imsieħba soċjali. Diskussjonijiet li se jitmexxew mid-Deputat Prim Ministru, Louis Grech.
“Jien nintrabat li nipprova inwasslu l-imsieħba soċjali għall-kunsens. Naħseb li dak li qed tipproponi l-Caritas huwa bażi għad-diskussjoni,” qal il-Prim Ministru li emfasizza wkoll l-għajnuna li qed jingħataw il-persuni fil-kera. Dan fejn se jirdoppja s-sussidju u l-familji li jingħataw l-għajnuna. “Però qed ngħidu wkoll li min irid li s-sussidju jirdoppjalu jippreżenta kuntratt tal-kiri,” qal il-Prim Ministru li tenna li l-gvern ma jistax jgħin f’każi fejn ikun hemm evażjoni tat-taxxa.