Il-Gvern Malti lesta b’suċċess in-negozjati mal-Kummissjoni Ewropea fuq il-programmi operattivi ta’ fondi Ewropej ta’ bejn l-2021 u l-2027. It-total ta’ dawn il-pakketti jlaħħaq it-€2.2 biljun.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Gvern, fejn intqal li dawn il-pakketti operattivi ta’ fondi Ewropej ingħalqu fi żmien rekord ta’ tmintax-il xahar.
Hawnhekk ġie spjegat li dawn in-negozjati saru waqt li l-Gvern kien qed jinnegozzja wkoll il-Pjan ta’ Rkurpru u Reżiljenza ta’ pajjiżna minħabba l-irkupru mill-pandemija.
Il-pass li jmiss huwa li pajjiżna jibda jimplimenta l-miżuri b’dawn il-fondi Ewropej.
L-akbar pakkett ta’ fondi huwa dak tal-Fondi Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Just Transition Fund, li jgħoddu għal madwar €1 biljun. Il-European Social Fund Plus huwa ta’ aktar minn €200 miljun u warajh isegwi l-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni li jgħodd għal €166 miljun.
Il-Ministru responsabbli mill-Fondi Ewropej, Silvio Schembri rringrazzja lil dawk li kienu involuti biex innegozjaw dawn il-fondi.
Ma’ ONE News, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li dan il-programm jinvolvi l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej, li l-Gvern Malti nnegozja.
“Ftehemna mal-Kummissjoni Ewropea li sal-aħħar tas-sena ħa nkunu għalaqna n-negozjati u rnexxielna nagħlquhom xahar qabel. Dan ifisser li aħna ħdimna tajjeb ħafna u l-Kummissjoni rrikonoxxiet ix-xogħol li qed jagħmel il-Gvern. Tant hu hekk li huma stess qegħdin iħossuhom komdi ħafna jaħdmu mal-Gvern Malti, fil-fatt għalaqna n-negozjati. U anki l-Kummissjoni Ewropea taf li magħna taf fejn qiegħda.”