Il-qasam tal-E-evidence, jiġifieri provi ta’ atti kriminali li jistgħu jinġabru minn mezzi elettroniċi għandhom ikunu prijorità fost l-Istati Membri Ewropej fil-qasam tal-ġustizzja.
Kliem il-Ministru Owen Bonniċi waqt li għeluq tat-48 konferenza tan-Network Ewropew għall-Ġustizzja, li kien propju l-aħħar impenn ta’ dan il-qasam taħt il-kappa tal-Presidenza Maltija.
Hawnhekk il-qasam tal-E-evidence kien diskuss sabiex ikun hem iktar koperazzjoni bejn Stati Membri dwar id-dispożizzjoni ta’ informazzjoni delikata dwar atti kriminali fi ħdan l-Ewropa.
“Hemm dibattitu dwar jekk per ezempju pajjiż għandux dritt jara x’inhu jintbagħat fuq whatsapp jew e-mail jew sms fejn jidħlu suspetti ta’ reati kriminali kbar, u hemm dibattitu kbir ħafna fejn jibda u jispiċċa dan id-dritt biex ikollna aktar sigurtà f’pajjiżna,” spjega l-Ministru Bonniċi.
Il-Ministru Owen Bonnici flimkien mal-Avukat Ġenerali Peter Grech fakkru l-kisbiet li għamel pajjiżna tul dawn is-sitt xhur, fosthom it-tisħiħ tal-EUROJUST u it-twelid tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ewropew magħruf bħala EPPO. Xi ħaġa l-Ministru ddeskriva bħala tarbija li kienet ilha biex titwieled.
Intant in-Network Ewropew għall-Ġustizzja se jkompli jservi ta’ pjattaforma importanti għall-implimentazzjoni ta’ strumenti legali u koperrazzjoni ġudizzjarja internazzjonali li tlaqqa’ professjonisti Ewropew biex flimkien ikabbru wieħed mill-iktar oqsma importanti fis-soċjetà.