Il-Parlament l-Erbgħa filgħaxija għalaq id-diskussjoni fit-tieni qari tal-abbozz ta’ liġi li jemenda l-Kostituzzjoni u diversi liġijiet dwar l-elezzjonijiet, imressaq mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni ta’ Proċessi Amministrattivi, Julia Farrugia Portelli.
L-abbozz jibdel il-Kostituzzjoni biex jestendi d-dritt tal-vot għal żgħażagħ ta’ 16-il sena għall-elezzjonijiet ġenerali u għall-parlament ewropew.
F’dibattitu mifrux fuq tliet seduti ħadu sehem 23 deputat – 11 min-naħa tal-Gvern u 12 mill-Oppożizzjoni. Il-vot jittieħed f’seduta oħra.
Meta kienet qed tagħlaq id-dibattitu, is-Segretarju Parlamentari Farrugia Portelli qalet dan kien dibattitu matur. Bl-approvazzjoni tal-Ispeaker Anġlu Farrugia l-għada tal-vot, il-Kamra se tagħmel seduta straordinarja li jmexxuha ż-żgħażagħ biex jitkellmu dwar din id-deċizjoni.
Farrugia Portelli irringrazzjat lil kull min emmen f’din il-mixja biex is-sena d-dieħla 8,500 żagħżugħ u żagħżugha se jingħaqdu mal-kumpament taċ-ċittadini Maltin biex jagħżlu lil min se jmexxi lil Malta fil-Parlament Ewropew – deċizjoni li hija sejħet waħda pura.
Hija tqis is-sena 2018 bħala waħda mportanti fir-riformi li qed isiru fil-pajjiż u temmen li l-mod kif tmexxa d-dibattitu jawgura tajjeb għal numru ta’ suġġetti oħra sensittivi, oħrajn li huma diffiċli u oħrajn li għażilna bħala nazzjon inwaddbu taħt it-tapit. Dawn mhumiex deċizjonijiet faċli, għax hemm suġġetti jaħirqu fosthom it-traffikar uman, id-droga, riformi kostituzzjonali li għandna bżonn li jsiru.
farrugia Portelli qalet li frott ta’ din id-diskussjoni matura ser inkunu it-tieni pajjiż fl-Ewropa, wara l-Awstrija, li se nkunu pajjiż aktar inklussiv fil-faxxa tal-età b’tali mod li tkun qed tinstema’ l-opinjoni ta’ kulħadd. Bid-deċizjoni li qed tittieħed fil-Kamra, id-dinja qed tħares lejna.