Noel Azzopardi ta’ 39 sena mir-Rabat, is-suspettat ewlieni fl-omiċidju li seħħ fl-ewwel jum tas-sena fir-Rabat stess, jingħad li kellu stat ta’ saħħa mentali dgħajjef. Rapporti fil-midja lokali qalu li Azzopardi kien ilu jiġi segwit mill-professjonisti fl-Isptar Monte Karmeli sa minn Ottubru tal-2016.
L-Erbgħa, Azzopardi tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella fejn wieġeb li mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u nżamm arrestat, hekk kif ma kienx hemm talba għal-libertà proviżorja.
F’din l-istess seduta, l-avukati difensuri Dr Arthur Azzopardi, Dr Jacob Magri u Dr Alex Miruzzi talbu lill-Prosekuzzjoni biex malajr kemm jista’ jkun jitressqu ’l quddiem id-dokumenti mediċi tal-imputat kemm mill-Isptar Mater Dei kif ukoll mill-Isptar Monte Karmeli.
Id-difiża għamlet ukoll talba biex l-espert psikjatriku fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ikollu aċċess għad-dokumenti mediċi ħalli jieħu deċiżjoni jekk jinżammx fil-Faċilità Korrettiva jew jintbagħatx fl-Isptar Monte Karmeli.
Eric Borg ta’ 27 sena mir-Rabat inqatel għall-ħabta tat-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar, fi Triq il-Fidloqqom, b’żewġ tiri ta’ senter f’daharu. Hu ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post mit-Tabib tal-Emerġenza Jonathan Joslin.
Rapporti fil-midja qalu wkoll li l-allegat argument, li seħħ qabel id-delitt, kien minħabba għelieqi.