Alfio Schembri, missier Keith Schembri kien qal lill-Pulizija, li hu kien jintalab jiffirma dokumenti, li ma kienx jaf x’ikun fihom.
Dan ħareġ minn xhieda li tat dalgħodu l-Ispettur Leanne Bonello waqt il-kumpilazzjoni ta’ evidenza kontra Alfio u Keith Schembri u Malcom Scerri u Robert Zammit.
Dawn l-erba’ imputati huma mixlija fosthom b’ħasil ta’ flus, frodi u korruzjoni.
Għal din is-seduta Keith Schembri kien skużat mill-Maġistrat Donatello Frendo Dimech minħabba li lbieraħ iddaħħal l-isptar fuq kundizzjoni medika serja.
L-Ispettur Bonello qalet li waqt l-interrogazzjoni, Alfio Schembri stqarr li hu kien beda l-kumpanija Kasco, imbagħad għaddiha lil ibnu Keith.
Għaldaqstant huwa ilu għal dawn l-aħħar għaxar snin jirċievi paga kull xahar minn mill-Grupp Kasco.
Intqal li meta muri numru ta’ dokumenti marbuta ma’ transazzjonijiet, pagi u rendikonti bankarji, Alfio Schembri sostna li ma kienx jaf bihom.
Fil-Qorti ntqal ukoll kif minn analiżi li saret mill-kont bankarju ta’ Alfio Schembri, dehru numru ta’ transazzjonijiet minn Kasco għal numru ta’ kumpaniji oħra relatati.
Instabu wkoll ħlasijiet mill-kont ta’ Alfio għal ta’ Keith Schembri.
L-Ispettur qalet ukoll lil l-Kontrollatur Finanzjarju Robert Zammit kien qal li hu dejjem segwa l-istruzzjonijiet li kellu u qatt ma kien involut fil-proġett ta’ Progress Press.
Sostna li wara li Keith Schembri laħaq Chief of Staff, il-paga tiegħu bdiet tmur għand Alfio, li dan min-naħa tiegħu beda jagħtiha bħala donazzjoni lil ibnu Keith.