Raġel ta’ 44 sena, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti qiegħed jinżamm arrestat wara li fi ftit jiem għamel mat-tlett mitt telefonata lil martu li m’għadhiex toqgħod miegħu.
L-akkużat ġie mixli b’fastidju ripetut u theddid fil-konfront ta’ martu bl-użu ta’ mezzi teknoloġiċi.
L-Ispettur Eman Hayman, li mexxa l-Prosekuzzjoni qal li fl-20 ta’ Frar il-Pulizija rċeviet rapport mill-vittma fejn spjegat li ħalliet d-dar matrimonjali u li ma tixtieqx tirritorna hekk kif skontha r-relazzjoni tagħhom spiċċat.
Hija qalet ukoll li għal tlettax-il ġurnata, l-akkużat ċemplilha b’mod konsistenti biex it-tnejn jiltaqgħu għal kafè.
Imbagħad meta ċediet u iltaqgħet mal-akkużat, ħadha f’post differenti minn fejn ftiehmu u beda jixrob l-alkoħol u wara ħadha f’post imwarrab u beda jipprova jagħmel atti intimi li kienu rifjutati mill-vittma.
Il-prosekuzzjoni qalet ukoll li l-akkużat ta’ sikwit kien jitfaċċa quddiem il-post tax-xogħol tal-vittma, liema informazzjoni kienet miċħuda mill-akkużat.
Id-Difiża ikkontestat il-validità tal-arrest hekk kif qalet li l-koppja kienet ilha għal dawn l-aħħar sentejn tikkunsidra separazzjoni u t-telefonati tal-akkużat ma kinux denji tal-arrest minħabba li dan kien inkwetat.
Madanakollu l-Maġistrat Monica Vella qalet li l-arrest kien validu u rrimarkat li lil hinn min-numru ta’ telefonati dawn kienu qed jħallu effetti negattivi fuq il-vittma.
Id-Difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba ma qablitx magħha l-prosekuzzjoni minħabba l-biża’ ta’ intralċ tal-provi.
Għaldaqstant il-Qorti ma laqgħetx din it-talba u ordnat li l-imputat jibqa’ jinżamm taħt arrest.