Tlesta it-tisbiħ u l-manutenzjoni tax-xatt kollu ta’ San Pawl il-Baħar, Qawra u Buġibba. Tul il-proġett Inseħħbu Pajjiżna diversi ħaddiema tas-servizz pubbliku naddfu u żebgħu mill-ġdid sitt mija u tlettax-il pedestrian railing mill-ġdid u aktar minn ħamsa u sittin bank. Tbiddlu wkoll wieħed u tlettin tabella u erbgħin bozza, biex b’hekk ingħata nifs ġdid lil din iż-żona.
Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Indafa Pubblika, Ramon Deguara spjega li hekk kif ġiet fi tmiemha t-tieni inizjattiva ta’ “Insebbħu Pajjiżna”, mit-toroq kollha ta’ San Pawl il-Baħar, il-Qawra, u x-Xemxija kif ukoll Marsaxlokk inġabru 27 tunnellata ta’ skart u materjal.
Huwa fisser: “Ħaddiema minn diversi entitajiet differenti ngħaqdu flimkien biex jagħmlu din il-kampanja suċċess. Madwar erba’ mitt ħaddiem kienu involuti hawnhekk, ġew miżbugħa l-promenade kollha ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra, sar ukoll tindif estensiv f’termini ta’ tneħħija ta’ dgħajjes abbandunati minn diversi lokalitajiet.”
Waqt żjara l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo spjega li t-tindif fil-lokalitajiet ta’ pajjiżna jibqgħu kruċjali biex inkomplu insebbħu lil pajjiżna u rrikonoxxa li postijiet turistiċi bħal San Pawl il-Baħar, joffru sfidi li jeħtieġu li nkomplu nindirizzaw b’mod regolari u b’effiċjenza.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista semma kif fi ftit ġranet il-ħaddiema tad-diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni ħadu ħsieb it-tindif u l-manutenzjoni ta’ San Pawl il-Baħar minn tarf sa tarf.
Il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar żied jgħid li l-kampanja “Insebbħu Pajjiżna” se tkun qed terġa’ tirritorna f’Settembru li ġej.