Ftit tal-ħin ilu s-somma b’risq l-Istrina laħqet is-sitt miljun ewro.
L-Istrina 2020 bdiet ftit minuti wara nofsinhar, u minnufih bdiet tiġi esebita l-ġenerożità tal-poplu Malti, grazzi għal numru ta’ donazzjonijiet minn familji u organizzazzjonijiet madwar il-pajjiż, li fl-aħħar sigħat ma waqfux.
Għalkemm din l-edizzjoni tal-Istrina qiegħda ssir b’tibdiliet minħabba l-pandemija tal-Covid-19, xorta waħda qegħdin jinġabru l-fondi b’risq il-Malta Community Chest Fund, li tgħin eluf ta’ Maltin fil-bżonn.
Fost l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż kienu parti mill-maratona ta’ tnax-il siegħa, fosthom il-Prim Ministru Robert Abela, il-President George Vella, l-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Il-President, George Vella qal li jinsab sodisfatt li waslet l-ewwel kunsenja tal-vaċċin kontra l-Covid-19 f’pajjiżna, iżda fakkar ukoll li jeżisti mard li jiġi bi prezz għoli. Min-naħa tagħha, is-Sinjura Vella appellat lil kulħadd sabiex jagħti ftit minn li għandu.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li bħal-lum, pajjiżna juri l-valur tas-solidarjetà li tant hu magħruf għalih. Filwaqt li ħeġġeġ lill-poplu Malti sabiex jikkontribwixxi, sostna li l-mard ma jarax festi, u bil-ftit ta’ kulħadd, nistgħu nkunu ta’ spalla għal dawk l-aktar fil-bżonn.
Kull min jixtieq jagħti l-kontribut tiegħu lejn dan l-għan nobbli, għandu ċans sa ftit sigħat oħra sabiex jagħmel hekk.