Mhux sigriet li l-pandemija ġabet modi ġodda u aktar virtwali f’ħajjitna, iżda ftit ħasbu li festini sigrieti fejn il-mistiedna jkollhom x’jaqsmu sesswalment flimkien, ukoll adattaw ruħhom online għal dan iż-żmien.
Iva, anke hawn Malta.
Is-sesswologu Matthew Bartolo minn Sex Clinic Malta, spjega li koppji jew persuna waħedha jfittxu dawn il-festini mhux biss għall-avventura u l-pjaċir fiżiku. Hawn min juża dawn il-festini biex itaffi wkoll mis-solutiduni li setgħet ġabet il-pandemija.
Qal, “Meta taħdem f’dan il-qasam u n-nies ikellmuk b’mod apert, tinduna kemm tiġri ħafna aktar milli n-nies hemm barra jaħsbu. Mhux qed ngħid li tiġri aktar minn pajjiżi oħra, imma tiġri. “
Għalkemm il-punt ta’ dawn il-festini huwa l-pjaċir u l-avventura, jimponu wkoll ċertu riskji.
Spjega, “Hemm periklu anqas li huwa l-STIs. Nisimgħu ħafna fuq min jattendi dawn il-festini u hemm riskju ta’ STIs għaliex inti tkun fiżikament hemm u qed tagħmel is-sess ma’ ħafna nies f’daqqa. Online hemm riskju ta’ privatezza. Jekk int qed turi wiċċek, jew b’xi mod jintgħaraf il-post tiegħek, hemm riskju wkoll ta’ rikatt. “
Fi żmien fejn il-progressività qed tirrenja, u ħafna jemmnu fil-libertà, Bartolo spjegalna li wieħed m’għandu qatt jinsa r-responsabbiltà li wieħed għandu lejh innifsu.
Qal, “Sabiħ ħafna li tgħix għal-lum imma importanti tara kif se taffetwak għada, kemm inti kif tħares lejk innifsek, u kemm nies ta’ madwarek. Jekk qed tattendi festin mill-kamra tal-pranzu tiegħek meta tgħix mat-tfal u qed jisimgħuk x’int tagħmel, jew inkella il-partner tiegħek jekk dan il-filmat joħroġ. “
Jekk se tattendi festin minn dawn li hu bbażat Malta, hemm fattur kruċjali ieħor li għandek tikkunsidra.
Sostna, “In-nies li se jkun hemm. Ma ninsewx, ngħixu Malta u jekk f’post ikun hemm seba’ min-nies, hemm ċans tara eks tiegħek, jew kuġina jew xi ħadd li inti taf. Iżda anke kif int se tħossok dwarek innifsek. Importanti qabel tattendi xi ħaġa, miegħek innifsek tifhem għalfejn qed tagħmilha.”