L-Erbgħa filgħaxija, erbat ijiem qabel il-Milied, ġiet fi tmiemha t-tielet edizzjoni tal-inzijattiva ‘Rigal bi Mħabba.’
F’inqas minn ġimgħatejn inġabru eluf ta’ rigali, li jfisser li għal darb’oħra l-qalb ġeneruża tal-Maltin u l-Għawdxin se tpoġġi tbissima fuq wiċċ bosta tfal li, minħabba raġuni jew oħra, il-ġenituri tagħhom jew dawk li jieħdu ħsiebhom ma setgħux jixtrulhom rigali.
L-inizjattiva, li l-moħħ warajha huma mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, u binthom Giorgia Mae, taċċerta li dan il-Milied it-tfal kollha ta’ pajjiżna jesperjenzaw il-veru ferħ li jġibu magħhom dawn iż-żminijiet, partikolarment il-ferħ li wieħed ikollu meta jaqla’ rigal.
F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha mmarkat it-tmiem ta’ din l-inizjattiva fi Pjazza Kastilja u ħdejn is-siġra li taħtha tpoġġew eluf ta’ rigali, Lydia Abela u Giorgia Mae rringrazzjaw lill-familji u lin-negozji tar-rigali li taw lil persuna li ma jafux iżda li bih se jferrħu lil bosta.
Qalet, “F’dawn iż-żminijiet nifmhu eżatt x’inhu l-ispirtu tal-Milied, illi l-Milied jiġi biex naħsbu f’ħaddieħor, biex inferrħu lil ħaddieħor, biex inkunu ġenerużi u nkunu altruwisti. Il-poplu Malti u Għawdxi m’huwiex nieqes mill-ġenerożità u għalhekk nieħu l-okkażjoni ukoll biex nappella lil poplu Malti u Għawdxi biex nhar is-26 ta’ Diċembru kif wera ġenerożità tiegħu hawnhekk matul dawn il-ġranet biex ħallew ir-rigali f’din l-attività jagħmlu l-istess dakinhar tal-Istrina.”
Hija rringrazzjat, fost l-oħrajn, lit-tfal, l-edukaturi, lill-forzi tal-ordni, u lill-ħaddiema soċjali għall-kontribut tagħhom f’din l-inizjattiva, fosthom b’rabta mat-tqassim tar-rigali fid-djar tat-tfal.
Filwaqt li esprimiet sens ta’ kburija bħala Maltija parti minn soċjetà li tgħożż il-valur sabiħ tas-solidarjetà, Dr Lydia Abela qalet li din l-inizjattiva qed tħalli impatt pożittiv fuq dawk li l-aktar jeħtieġu għajnuna u li huma fost l-aktar vulnerabbli.
Matul il-jum, li fih intlaħaq il-qofol tal-inzijattiva ‘Rigal bi Mħabba’, fi Pjazza Kastilja sar programm ta’ divertiment għal kulħadd, li kien jinkludi wirja mis-sezzjoni tal-Klieb u ż-Żwiemel tal-Pulizija, Obstacle Course u wirja mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Kunċert tal-Milied mill-banda tal-Forzi Armati, u spettaklu minn kantanti Maltin.
Il-Partit Laburista kien fost dawk li pparteċipa f’din l-inizjattiva, bil-Kap Eżekuttiv tal-Partit, Randolph Debattista, u ħaddiema taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista jpoġġu numru ta’ rigali taħt is-siġra tal-Milied.
Barra minn hekk, din is-sena l-kampanja ħadet laqta unika wkoll għax, fuq ix-xewqa tat-tfajjel Jake Vella, inġabru wkoll prodotti għall-annimali taħt is-siġra tal-Milied fl-isptar Mater Dei.
Fi Pjazza Kastilja, Dr Lydia Abela spjegat kif l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ ‘Rigal bi Mħabba’ kienet anki fl-ibliet u l-irħula ta’ pajjiżna u rrimarkat għas-sehem ewlieni tal-Kunsilli Lokali li mbuttaw iżjed din l-inizjattiva fil-komunità.
Fl-għeluq ta’ din l-inizjattiva tkellem ukoll il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, li nnota kif l-istess korpi dixxiplinarji li normalment narawhom jipproteġuna se jkunu fit-toroq inisslu l-ferħ fost it-tfal filwaqt li s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli nnutat l-impenn tal-Kunsilli Lokali sabiex it-tfal kollha ikollhom rigal x’jiftħu dan il-Milied.