Wara li l-Ħadd, eluf ta’ persuni, fil-maġġoranza tagħhom żgħażagħ attendew għall-festa ta’ San Patrizju f’San Ġiljan, fisser ħidma sfieqa mid-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni.
F’temp ta’ erba’ sigħat, li kienet tinvolvi 22 ħaddiem tad-Diviżjoni, inġabru madwar ħmistax-il tunellata ta’ skart wara jum ta’ ċelebrazzjonijiet f’temp mill-isbaħ. Din il-ħidma kienet tinkludi l-akwati kollha ta’ Paceville, Triq San Ġorġ u x-xatt tal-madwar.
Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, Ramon Deguara, qal li t-tindif sar f’ħin relattivament qasir u dan permezz ta’ kordinazzjoni bejn ir-riżorsi uman u l-investiment li sar fl-aħħar xhur.
Qal, “Però, fi ftit ħin, f’erba’ sigħat, il-ħaddiema tagħna, bl-għajnuna tal-makkinarju li investejna fl-aħħar xhur qegħdin naraw li s-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal. Sitwazzjoni fejn it-triq hi diġà miftuħa għat-traffiku u fejn ma tindunax li lbieraħ kien hawn attività ta’ madwar 50,000 persuna.”
It-Tnejn filgħodu, żaru wkoll lill-ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika, Clayton Bartolo, u s-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield.
Bedingfield qal, “Fi ftit sigħat, 22 ħaddiem tad-Diviżjoni tagħna rnexxielhom inaddfu u jiġbru 15-il tunellata ta’ skart. Min se jgħaddi minn dawn it-toroq ma jindunax li lbieraħ kien hemm dik l-attività l-kbira.”
Bartolo qal, “Attività suċċess, li warajha ħallejna n-nadif fi ftit sigħat u l-impenn tagħna jibqa’ dak li nkomplu ninvestu biex ikollna pajjiż iżjed nadif, pajjiż iżjed organizzat, pajjiż li fuq kollox kulħadd ikun qiegħed jgħix kuntent fih u nemmen li jkollna kwalita ta’ ħajja aħjar.”