Ġugarelli partikolari magħmulin mis-slime qed jinġabru lura wara li l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Konsumatur tkellmet mal-importatur sabiex dawn il-ġugarelli jinġabru mis-suq minħabba li hemm ir-riskju li jkun ħsara għas-saħħa.
Dan huwa riżultat ta’ riċerka intensiva mil-Uffiċċju tal-Konsumatur fejn sar magħruf li dan il-prodott fih ammont kbir ta’ kimika msejħa Boron.
ONE News tkellem mal-Inġinier fi ħdan id-direttorat tas-Sorveljanza tas-suq Charlo Grima li spjega li matul l-2019 dan id-diretorrat għamel testijiet fuq diversi oġġetti fosthom fuq muturi, hoverboards, batteriji, chargers u ġugarelli fost oħrajn.
Huwa fisser: “Fil-każ tal-islime toy rriżulta li wieħed mil-islime toys eċċeda l-livelli tas-sustanza Boron sitt darbiet aktar minn dak stipulat fil-liġi.”
L-awtorità tal-konsumatur avżat li kull min xtara dan is-slime, biex ma jużahx u jirritornah għand tal-ħanut. Is-Sur Grima kompla jispjega:“Meta t-tfal jiġu f’kuntatt dirett ma dan il-prodott, jew jibilgħu xi ftit minn dan l-islime toy jista’ jkun ta’ detriment għas saħħa tat-tfal u għar reproductive growth tat tfal fil-futur.”
Intant matul is-sena l-oħra, l-uffiċċju tal-konsumatur ordna li jiġu rtirati mis-suq tlieta u għoxrin prodott differenti.
Dan wara li rriżulta li kienu ta’ riskju għal saħħet il-bniedem.
Dawn il-prodotii jinkludu karozzi, għodda, ġugarelli u straighteners tax-xagħar.