Siegħa u nofs qabel ma tintemm il-Maratona Ġbir ta’ Fondi tal-Partit Laburista, u fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat, martu Michelle, u l-amministrazzjoni tal-Partit, l-amont miġbur qabeż in-nofs miljun ewro.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat irringrazzja lil dawk kollha li daru bieb bieb fil-lokalitajiet u għenu biex jinġabru l-flus u ddedikaw ħinhom għall-Partit Laburista.
Irringrazzja wkoll liż-żgħażagħ tal-Forum Żgħażagħ Laburisti u lill-parteċipanti tal-programm LEAD, li wkoll taw ħinhom f’din il-Maratona.
Ulied il-koppja Muscat, iċ-ċkejknin Etoile u Soleil ukoll taw sehemhom fil-Maratona, hekk kif qed iwieġbu t-telefonati li deħlin bid-donazzjonijiet.
Il-Maratona qed tixxandar b’mod dirett fuq l-istazzjon ONE u fuq il-paġna uffiċjali tal-Partit Laburista fuq Facebook.