€980,911 inġabru waqt il-Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza. It-temp tajjeb, għalkemm kemmxejn kiesaħ, għen għadd kbir ta’ nies marru s-Siġġiewi jagħmlu d-donazzjoni tagħhom taħt it-tinda li ttellgħet fil-parkeġġ. Bħal kull sena, għadd ta’ parroċċi f’Malta w Għawdex organiżżaw ġabriet speċjali.
Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, qal li din il-Festa ta’ Ġenerożità bħal dejjem uriet il-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi li għal darb’oħra wera solidarjetà u ġenerożità mad-Dar. Huwa qal li dawn il-fondi se jgħinu biex id-Dar tkompli tagħti ħajja xierqa u dejjem aħjar lir-residenti tagħha. Huwa irringrazzja lill-awtoritajiet ċivili u politiċi għall-appoġġ tagħhom kif ukoll lill-mijiet ta’ voluntiera li ħadu sehem fl-organiżżazzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità.
Bħala parti mill-Festa ta’ Ġenerożità, nġabret is-somma ta’ €32,010 mill-irkant ta’ xogħlijiet artistiċi mogħtija minn aktar minn mitt artisti Maltin u barranin. Ħafna kienu dawk li għamlu l-offerti tagħhom online imma l-maġġoranza żaru d-Dar tal-Providenza.