Fl-20-il edizzjoni tal-Maratona Oħloq Tbissima nġabru €687,606.
Il-maratona, li ntemmet il-Ħadd filgħaxija wara 3 ijiem ta’ xandir, issir b’risq il-missjunarji Maltin mis-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl u li jaħdmu mal-fqar fil-Perù, l-Pakistan u l-Filippini.
Bil-flus li jinġabru, filwaqt li l-patrijiet ikunu jistgħu jgħixu bihom b’dinjità f’żoni ta’ faqar kbir, ikunu jistgħu wkoll jitkomplew il-proġetti tagħhom favur il-fqar.
Din is-sena, fil-fatt, ġie ċċelebrat l-20 anniversarju minn mindu bdiet tiġi organizzata l-Maratona Oħloq Tbissima. Għaliex Oħloq Tbissima?
Permezz tal-fondi li nġabru tul dawn l-20 sena, tfal fil-pajjiżi msemmija issa qed igawdu minn skejjel fejn jistgħu jitgħallmu, kliniki fejn jarawhom it-tobba u l-infermiera biex jikkurawhom, kċejjen biex ikollhom ikla jew tnejn kuljum, ċentri fejn jiltaqgħu u jitħarrġu, għajnuna finanzjarja biex jixtru dak li jkollhom bżonn u bżonnijiet oħra.