Fit-22 edizzjoni tal-maratona ‘Oħloq Tbissima’, li ntemmet fi tmiem il-ġimgħa, inġabret is-somma sabiħa ta’ erba’ mija, ħamsa u erbgħin elf, tliet mija u ħamsa u tmenin ewro.
Il-maratona b’risq il-missjunarji Maltin tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl u li jaħdmu mal-fqar fil-Perù, il-Pakistan u l-Filippini ntemmet il-Ħadd filgħaxija.
Bil-flus li jinġabru, filwaqt li l-patrijiet ikunu jistgħu jgħixu bihom b’dinjità f’żoni ta’ faqar kbir, ikunu jistgħu wkoll ikomplu jwettqu proġetti favur dawk vulnerabbli f’pajjiżi lil hinn minna.
Permezz tal-istess maratona f’dawn is-snin kollha, tfal u familji f’dawn il-pajjiżi qed igawdu minn skejjel ġodda, kliniċi bit-tobba u l-infermieri biex jikkurawhom, kċejjen biex ikollhom ikliet ta’ kuljum, ċentri fejn jitħarrġu u għajnuna finanzjarja biex jixtru dak li jkollhom bżonn, fost l-oħrajn.