Madwar 200 oġġett relatat mal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku li saru Pariġi s-sena l-oħra, ġew mibjugħa u nġabru €228,000 għall-karita waqt irkant li sar il-Ħadd u li għalih attendew segwaċi, kolletturi professjonisti u mużewijiet.
Fost l-affarijiet kien hemm ħames toroċ Olimpiċi li għal xhur intużaw fil-ġirja twila li bdiet minn Olympia fil-Greċja u ntemmet fil-belt kapitali Franċiża qabel il-ftuħ tal-Logħob. Dawn ġabu prezzijiet li jvarjaw minn €12,000 sa €20,000 kull waħda.
Fl-irkant kien hemm diversi oġġetti li ntużaw waqt il-ftuħ storiku tal-Logħob Olimpiku inkluż il-libsa ħamra użata mill-karattru fil-parti ta’ Marie Antoinette bla ras li ġabet il-prezz ta’ €832.
Fost ix-xerrejja kien hemm Mużew Nazzjonali tal-Isport fil-belt ta’ Nizza li nefqu madwar €2300 biex xtraw il-kuruna tar-rand u l-girlandi ta’ frott finta u fjuri milbusa minn Philippe Katerine waqt iċ-ċerimonja fix-xena ikonika li qajmet ħafna kontroversji. Il-mużew xtara wkoll il-kostum tal-karattru b’wiċċu mgħotti li ġera bit-torċa matul ix-xmara Seine minn monument għal ieħor matul iċ-ċerimonja.
Il-maskot olimpiku Phryge ukoll kien preżenti waqt l-irkant f’20 verżjoni differenti li kienu jvarjaw mill-mudell żgħir li tqassam lil dawk li rebħu l-midalji għall-kostumi ta’ daqs uman. Persuna li kienet qed issegwi onlajn, xtrat żewġ Phryge Olimpiċi u Paralimpiċi minjaturi għall-prezz ta’ €3,200 u €1408 rispettivament.
Il-flus kollha ġġenerati minn dan l-irkant se jingħataw bħala donazzjoni lil tliet entitajiet filantropiċi li jippromwovi l-isport para u l-eżerċizzju fiżiku għall-pazjenti fl-isptarijiet.