Fl-ewwel tas-sena l-ġdida nġabru €1,540,278 waqt il-Festa ta’ Ġenerożità, fil-maratona ġbir ta’ fondi annwali b’risq id-Dar tal-Providenza.
Din il-maratona, li xxandret ukoll fuq l-istazzjon ONE, bdiet fl-10 ta’ filgħodu u baqgħet għaddejja sa nofsillejl.
Ftit qabel nofsillejl, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef irringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi ta’ din is-somma sabiħa, li kienet akbar minn dik li nġabret is-sena l-oħra.
F’din il-maratona, il-Gvern ta donazzjoni ta’ €25,000 mill-fond tal-kawzi soċjali.
Bosta kumpaniji, paroċċi u individwi kkontribwixxew għal din is-somma fil-bidu ta’ sena ġdida. Fost dawn kien hemm id-donazzjoni ta’ elf li ta l-Partit Laburista, li ġiet ippreżentata mit-tmexxija u l-amministrazzjoni tal-partit.