Fl-ewwel jum tas-sena, waqt il-maratona b’risq id-Dar tal-Providenza, inġabret is-somma ta’ €1,520,517.
Dawn il-fondi miġbura, se jkomplu jassistu u jagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar lil 115 persuna b’diżabilità, li jgħixu fi ħdan ir-residenza, u residenzi oħra fi ħdanha.
Dan filwaqt li permezz ta’ dawn il-fondi, se jkunu qed jissoktaw ukoll xogħlijiet ta’ manutenzjoni fil-Villa Papa Giovanni fis-Siġġiewi.
Il-Gvern Malti ukoll ta s-somma ta’ €25,000 mill-fond għall-kawżi ġusti, li ġiet ippreżentata mill-Ministru għall-Inklużjoni, Julia Farrugia Portelli, li kienet qed tirrappreżenta lill-Prim Ministru Robert Abela.
Fi tmiem ta’ din il-maratona, li damet 12-il siegħa, u li bdiet permezz ta’ quddiesa, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, qal li din is-solidarjetà, se tkompli matul is-sena, ma’ dawk l-aktar fil-bżonn.
Din il-Festa ta’ Ġenerożità, kienet qed tixxandar fuq l-istazzjonijiet ewlenin ta’ pajjiżna, fosthom fuq ONE.
Preżenti kien hemm ukoll il-President ta’ Malta George Vella u martu Miriam Vella.
€39,042 ġew miġbura permezz ta’ rkant tal-arti: li jvarjaw minn ċeramika, pitturi u anke skulturi, minn artisti lokali u internazzjonali.
Diversi parroċċi, bħal ma jagħmlu ta’ kull sena, ippreżentaw il-flus li ġabru waqt il-quddisiet tas-Sibt u l-Ħadd.