Fis-Centenary Stadium Ta’ Qali, l-Għaqda Ġurnalisti Sports organizzat it-tournament tradizzjonali ta’ l-għada tal-Milied.
F’din l-edizzjoni ta’ din is-sena ħadu sehem erba’ timijiet, b’rappreżentanza mill-Għaqda Ġurnalisti Sports, l-Assoċjazjoni Maltija tal-Futbol, il-Malta Football Referees Association u Membri Parlamentari.
Dan it-tournament annwali sar b’risq il-maratona annwali tal-Istrina, bil-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono żaret il-parteċipanti.
F’kummenti ma’ ONE News, tkellmu magħna Karmenu Abela u Robert Cutajar mit-tim tal-Membri Parlamentari, Matthew Paris mill-Malta Football Association, u Duncan Spencer mill-Malta Football Referees Association.
“L-għaqda importanti s-sena kollha, ovvjament f’dan iż-żminijiet fejn ikollna ċans niftakru aktar li jeżistu persuni oħrajn li għandhom bżonn l-għajnuna tagħna, f’dan il-mument hija aktar kruċjali. Ingħaqadna flimkien, membri Parlamentari miż-żewġ naħat tal-kamra, flimkien ma’ personalitajiet oħrajn minn oqsma differenti biex niġu hawnhekk, nieħdu pjaċir, u nippruvaw ma nitilfux.”
KARMENU ABELA
“Hija okkażjoni sabiħa, prattikament saret tradizzjoni issa marbuta mal-għada tal-Milied. L-inqas ħaġa li stajna nagħmlu hu li niġu nikkontribwixxu bħala deputati miż-żewġ naħat tal-kamra.”
ROBERT CUTAJAR
“Aħna ta’ kull sena ningħaqdu hawnhekk, il-ġurnalisti, l-impjegati tal-MFA, ir-referees, fil-passat anke l-coaches, u din is-sena wkoll il-membri Parlamentari. Naħseb hija inizjattiva sabiħa li mhux biss tgħinna to recover ftit minn dak kollu li nkunu kilna tul dan il-perjodu, però, hija wkoll inizjattiva għall-beifiċenza li hija tajba ħafna.”
MATTHEW PARIS
“Event annwali fejn nieħdu naqa’ gost, fl-istess ħin nagħtu xi ħaġa lill-Istrina, u ovvjament l-appell tiegħi huwa li, aħna l-poplu Malti hu magħruf kemm hu ġeneruż, li nkomplu nuru l-ġenerożità tagħna, dil-ġurnata speċifikament hija relatata ma’ li ngħinu lil dak li jkun, iġifieri nkomplu dan l-att sabiħ li tant magħrufin għalih.”
DUNCAN SPENCER
Ħadna ukoll kumment tal-President tal-Għaqda Ġurnalisti Sports, Clinton Buhagiar, fejn qasam magħna kemm hu element sabiħ li din l-għaqda torganizza tournaments bħal dawn għal għan nobbli.
“Dan it-tournament ilu jsir numru twal ta’ snin fejn l-Għaqda Ġurnalisti Sport ħasset il-ħtieġa li f’dawn iż-żminijiet ta’ festi tipprova tagħqqad il-komunitajiet sportivi kollha b’mod partikolari lil dawk tal-futbol.”
CLINTON BUHAGIAR
L-istazzjon ONE kellu wkoll rappreżentanza f’dan it-tournament bi Francesco Borg.
L-edizzjoni ta’ din is-sena intrebħet mit-tim tal-MFA għat-tieni sena konsekuttiva, bit-tim tal-ġurnalisti ġie fit-tieni post. F’dan it-tournament inġabret is-somma €1,300.