L-ajruport ta’ Malta organizza id-disa’ edizzjoni ta’ rkant bl-isem ta’ Lost, Found and Auctioned fejn affarijiet mitlufa li ma jinġabrux, jiġu rkantati u l-flus jmorru għal karità.
Din is-sena pparteċipaw iktar minn 200 persuna fl-irkant, u tmexxa mill-personalitajiet tar-radju Nate, Frank u Rossi. B’kollox, 86 oġġetti kienu rkantati.
Fosthom kien hemm ċintorini u nuċċlijiet, toaster u magna tal-ħjata, kif ukoll numru ta’ bagalji sorpriża fejn il-parteċipanti joffru li jħalsu għal bagalja mingħajr ma jkunu jafu x’ikun fiha.
Fost l-iktar affarijiet li ġabru valur kien hemm arloġġ lussuż li ġie rkantat għal €700 u drone li ġie rkantat għal €300.
B’kollox inġabru aktar minn €12,000 li se jingħataw lil organizzazzjoni Hospice Malta.