F’Jum Santa Marija saret is-seba’ edizzjoni tal-pellegrinaġġ tal-Muturi organizzat flimkien mill-Parroċċi tal-Imġarr u Ħad-Dingli, li t-tnejn huma ddedikati lil Santa Marija.
Tkellimna dwar il-ħsieb oriġinali ta’ din l-attività li tmur lura disa snin.
Qal, “Aħna konna ftehmna mal-Arċipriet li kien hawn Dun Ewkarist, li nagħmlu pellegrinaġġ peress li aħna ma niċċelebrawhiex illum imma niċċelebraw l-Ħadd ta’ wara, allura aħna u l-Imġarr iddeċiedejna li bejnietna nagħmlu dan il-pellegrinaġġ bil-muturi, għal xi ħadd fil-bżonn.”
Bħala ġest ta’ solidarjetà, waqt dan il-pelegrinaġġ inġabret is-somma sabiħa ta’ elf ewro b’risq Puttinu Cares. Dan sar sabiex tkun megħjuna l-ħidma ta’ Puttinu Cares għall-pazjenti Maltin u l-qraba tagħhom li jkunu jeħtieġu kura barra minn Malta issa li daħlu għall-proġett kbir ta’ akkomodazzjoni fiċ-ċentru ta’ Londra.
Dwar dan, ONE News tkellem ma’ Angele Cuschieri, il-President ta’ Puttinu Cares dwar is-sinifikat ta’ din l-attività.
Qal, “Hija xi ħaġa sabiħa li ningħaqdu illum fil-festa ta’ Santa Marija, qed ningħaqdu hawnhekk, niftakru f’ħaddieħor u jgħinuna wkoll fil-proġett li għandna l-Ingilterra. Bħalissa rnexxilna nġibu s-sular l-ieħor u anki ħa nerġgħu nibdew nibnu f’Novembru, Diċembru u għalhekk dan il-proġett se jkun qed joffri 27 appartament ieħor li jkunu hemmhekk biex lil pazjenti li jkunu qed jitilgħu l-Ingilterra għall-kura jkollhom post fejn joqgħodu.”