Mijiet ħonqu kull rokna tas-Santwarjju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt biex sellmu għall-aħħar darba lil Miriam Pace, l-omm ta’ erbgħa u ħamsin sena li t-Tnejn waranofsinhar nqatlet f’darha stess kaġun ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li kienu għaddejjin f’sit ta’ kostruzzjoni li jmiss ma’ darha fil-Ħamrun.
Il-mewt traġika tagħha ħasdet pajjiż sħiħ l-aktar dawk li kienu jafuha – il-Beltin Karmelitani fejn sikwit kienet tintasab tgħid it-talba tar-rużarju.
Fil-Bażilika tal-Karmnu ma kienx hemm fejn toqgħod labra. Spikkaw l-emozzjonijiet ta’ dieqa ta’ żewġha Carmel u wliedha Ivana u Matthew li tilef lil ommu propju f’għeluq snienu.
L-Arċisqof Charles Scicluna kkonċelebra l-quddiesa tal-funeral ta’ Miriam. Fl-omelija tiegħu qal li Miriam issa għandha dar li mhux ser tiġġarraf qatt.
L-Arċisqof żied jgħid li Miriam kienet mara u omm ta’ eżempju tajjeb għal żewġha u wliedha u li dejjem żammet lil Madonna mħaddna ma’ qalbha.
Fl-omelija tiegħu l-Arċisqof appella lill-pubbliku sabiex jagħti l-appoġġ tiegħu lill-awtoritajiet kollha biex issir ġustizzja ma’ Miriam.
Kienet bintha Ivana li fil-bidu tal-quddiesa qrat il-qari, u l-familja ta’ Miriam li wasslu l-offerti lejn l-artal, fejn spikka kliemhom fuq is-santa tal-mewt.
“Ħallejtna wisq kmieni, ħallejtna kiesaħ u biered. Qalbna maqsuma u xejn ma jista’ jimla l-vojt tiegħek, Iżda rridu niftakru x’kont tgħallimna int, li mingħajr fidi u talb ma naslu mkien. Dik biss tista’ ssabbarna.”
Għall-funeral ta’ Miriam attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Opożizzjoni Adrian Delia.
Wara l-quddiesa, bil-qari fl-isfont tat-talba tas-Salve Regina li tant kient għall-qalb Miriam u b’capċipa kbira fl-isfond tad-daqq tat-trepestal, Miriam ħarġet għall-aħħar darba mill-Bażilika tal-Karmnu, biex hekk, wara d-difna, issa tgawdi l-ħajja ta’ dejjem mal-Madonna u binha Ġesu li hija tant kienet tħobb.