Fil-ħamsa u għoxrin edizzjoni tal-Istrina, reġgħet kienet ċara l-qalb kbira tal-poplu Malti u Għawdxi, li minkejja l-pandemija, ġabar aktar minn sitt miljun u nofs ewro. Somma li tiżboq l-ammont miġbur is-sena l-oħra.
Il-President ta’ Malta George Vella flimkien mas-Sinjura tiegħu Miriam, irringrazzjaw lill-Maltin għall-ġenerożità kbira tagħhom minkejja ċ-ċirkostanzi preżenti fid-dinja kollha.
Il-President qal li jidher biċ-ċar li l-Istrina hija kawża li tgħaqqad lill-Maltin u l-Għawdxin u propona li s-sitta u għoxrin ta’ Diċembru jibda jissejjaħ ‘Jum l-Għaqda Nazzjonali’ hekk kif f’din il-ġurnata, kulħadd għandu jwarrab id-differenzi u jingħaqad.
Il-President George Vella stqarr: “Minn qalbi ngħidilkom, dawn il-flus se jmorru għal kawżi ġusti li ħa jgħinu ħafna ħafna nies. Nirringrazzjakom minn qalbi.”
Minkejja li x-xandira waqfet mat-tokki ta’ nofsillejl, il-linji tad-donazzjonijiet se jibqgħu miftuħin għall-pubbliku u kulħadd huwa mistieden ikompli jagħti d-donazzjonijiet tiegħu.
Fost dawk li attendew għall-maratona, li xxandret fuq l-istazzjonijiet lokali, kien hemm il-Prim Ministru Robert Abela u l-Amministrazzjoni tal-Partit Laburista.
F’kollegament telefoniku fuq ONE Radio, l-għada tal-Istrina, il-Prim Ministru rrikonoxxa l-valuri sbieħ li jsawru l-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr: “Ġabra sabiħa li inti tagħraf mument li għaddejna minn sena diffiċli mela m’għaddejniex u tara l-qalb kbira, dik il-ġenerożità, dik is-solidarjetà li wera l-poplu Malti lbieraħ fejn verament qegħdin nuru kemm dan il-poplu għandu valuri sbieħ.”