F’erba’ maratoni tal-ġbir tal-fondi li saru fiż-żminijiet tal-Festi nġabru €7,171,724.
L-aħħar maratona tal-ġbir tal-fondi li saret fiż-żmien tal-Festi kienet dik b’risq id-Dar tal-Providenza.
F’din il-maratona annwali fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida nġabru €1,445,665.
Fi tmiem din il-maratona, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Dun Martin Micallef qal li din is-somma sabiħa se tgħin lill-115-il resident li huma parti mill-komunità tad-Dar tal-Providenza.
Huwa rringrazzja lill-poplu talli, għal darb’ oħra, kien ġeneruż ma’ din id-Dar.
Bħas-soltu, -akbar ġabra li saret fost dawn l-erba’ maratoni ġbir ta’ fondi, kienet tal-Istrina, l-għada tal-Milied.
Fis-sebgħa u għoxrin edizzjoni ta’ din il-maratona annwali nġabru €5,062,415.
F’din il-maratona ta’ tnax-il siegħa, bejn nofsinhar u nofsillejl, inġabru fondi b’risq il-Community Chest Fund.
Fi tmiem din il-maratona, il-President ta’ Malta, George Vella, esprima s-sodisfazzjon għal din is-somma fenominali, li turi l-qalb kbira tal-poplu.
F’maratona ġbir ta’ fondi tal-Partit Laburista, li saret fil-11 ta’ Diċembru fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, inġabru €502,236.
Fi tmiem din il-maratona, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, flimkien mal-amministrazzjoni tal-partit, irringrazzjaw lil dawk kollha li taw sehemhom sabiex ikompli jissaħħaħ il-Partit Laburista biex jibni pajjiż fejn kulħadd jista’ jaspira għal futur aħjar u jikseb dak li jaspira għalih.
Il-Partit Nazzjonalista wkoll organizza maratona li fiha ġabar madwar €161,408.