L-għada tal-Milied f’edizzjoni oħra ta’ ‘L-Istrina’ nġabret is-somma sabiħa ta’ aktar minn €5.2 miljun.
Din is-somma li nġabret fi tnax-il siegħa maratona, li xxandret ukoll b’mod dirett fuq l-istazzjon ONE, qabżet dik li nġabret is-sena l-oħra, b’aktar minn €200,000.
Fi tmiem din l-edizzjoni ta’ L-Istrina, il-President ta’ Malta George Vella rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi li għal darba oħra kien ġeneruż biex jgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn.
“Grazzi kbira mill-poplu Malti u Għawdxi għall-kontribut biex dan l-avveniment iseħħ, mingħajr din il-katina ta’ nies flimkien, żġur ma nkunux nistgħu nagħmlu dan is-suċċess kollu.”
Eluf ta’ Maltin ikkonribwixxew għal din is-somma sabiħa, kemm permezz tat-telefonati li ma waqfux matul din il-maratona u l-attivitajiet li jsiru matul is-sena kollha, fost oħrajn.
Fost dawk li taw id-donazzjonijiet tagħhom kien hemm il-Partit Laburista.
Fil-ftuħ ta’ din il-maratona b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund kien hemm preżenti l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-Prim Ministru Robert Abela, martu Lydia u binthom Giorgia Mae.
Din l-edizzjoni ta’ L-Istrina kienet l-aħħar edizzjoni taħt il-Presidenza ta’ George Vella u martu Miriam.
F’dan l-aħħar ħames snin, taħt il-Presidenza ta’ George Vella nġabret is-somma ta’ kważi disgħa u għoxrin miljun ewro, fejn kull sena nġabret il-medja ta’ madwar ħames miljuni u tmiem mitt elf ewro.