Fis-sebgħa u għoxrin edizzjoni tal-Istrina, inġabru aktar minn €5 miljun, bis-somma totali tammonta għal €5,062,415.
Edizzjoni oħra li kompliet turi l-qalb kbira tal-Maltin u Għawdxin.
Dawn il-flus kollha nġabru waqt il-maratona ta’ tnax-il siegħa, bejn nofsinhar u nofsillejl, li xxandret fuq l-istazzjonijiet lokali, bil-fondi miġbura jmorru b’risq il-Fondazzjoni Malta Community Chest Fund.
Fi tmien din l-edizzjoni tal-Istrina, il-President ta’ Malta George Vella esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din is-somma li għalkemm ma hijiex waħda rekord, xorta hija fenomenali. Huwa rringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi.
Il-President Vella tenna l-importanza ta’ din il-maratona u kif permezz tagħha, illum ħafna persuni qed igawdu ħajja normali. Huwa awgura fil-fatt, li din l-organizzazzjoni tibqa’ għaddejja sena wara l-oħra u l-poplu Malti b’qalb kbira jibqa’ jikkontribwixxi. Dan biex kull min ikollu bżonn l-għajnuna jsibha.
Temm jgħid li jittama li dawn l-elementi ta’ ġenerożita u għaqda jibqgħu għaddejjin tul il-bqija tas-sena kollha u mhux f’dan il-jum biss.
Fil-bidu tal-Istrina kien hemm preżenti wkoll fost oħrajn, il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia, flimkien ma’ binthom Giorgia Mae. Hawn il-Prim Ministru ħabbar donazzjoni ta’ €60,000 mill-Gvern mill-Fond tal-Kawżi Soċjali għal Malta Community Chest Fund.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru ta’ Malta, ħeġġeġ lil kulħadd juri solidarjetà u ġenerożità biex ilkoll nagħmlu differenza kbira fil-ħajja tan-nies.
Huwa tenna kif minkejja l-għajnuna li jagħti l-Gvern f’diversi oqsma mediċi, il-Malta Community Chest Fund hija katalista biex tgħin lil mijiet ta’ Maltin u Għawdxin li jkollhom bżonnha.
“Apparti li kull kontribuzzjoni tgħin lil dawk li jkollhom bżonn l-għajnuna mingħand il-Malta Community Chest Fund, din tagħti wkoll kuraġġ lill-voluntiera li jaħdmu tul is-sena kollha biex il-Community Chest Fund twettaq x-xogħol tagħha”, stqarr il-Prim Ministru.
Huwa sostna, “Il-ġenerożità tagħna illum tissarraf ukoll f’tant u tant kuraġġ lil dawk il-voluntiera kollha li jagħmlu dan il-jum possibbli. Mhux biss dan il-jum iżda li tul is-sena kollha bil-ħidma altruwista tagħhom, b’dan is-sens ta’ altruwiżmu b’saħħtu, dan il-valur li huwa tant sinonimu mal-poplu Malti qed jagħtu l-ħin tagħhom biex jagħmlu l-ħajja ta’ ħaddieħor aħjar.”
Il-Prim Ministru għadda l-awgurju tiegħu għas-sena l-ġdida lil poplu Malti mimlija bil-valuri tal-paċi u tar-rispett lejn xulxin.
Dr Abela rringrazzja wkoll lill-President ta’ Malta u lil martu Miriam Vella tal-ħidma li jagħmlu b’risq il-poplu Malti.