Inġabru €428,422 waqt maratona ġbir ta’ fondi ‘bl-Imħabba Naslu’ b’risq il-Hospice Malta li tellgħet ilbieraħ.
Din il-maratona kellha l-għan li tkompli tiġbor fondi li jkopru l-ispejjeż tal-proġett St Michael Hospice, li issa kważi wasal biex jitlesta. Dan se jkun qed iwassal biex Malta jkollha l-ewwel kumpless għall-kura paljattiva u għalhekk se jassigura li Hospice Malta tkompli tipprovdi is-servizzi ta’ kura pljattiva b’xejn lill-eluf ta’ pazjenti u l-familji tagħhom.
Bħalissa hemm aktar minn 1,300 familja li qed jirċievu s-sapport, numru li qed ikompli jikber aktar ma jgħaddi żmien. Hospice Malta tipprovdi servizzi ta’ kura paljattiva b’xejn lil pazjenti li fost oħrajn għandhom mard terminali, mard kardijaku u kanċer.
iċ-Chairperson ta’ Hospice Malta, is-Sinjura Bernardette Bonnici Kind irringrazzjat lil dawk kollha li taw id-donazzjonijiet tagħhom jew għenu b’xi mod biex setgħet issir il-maratona ġbir ta’ fondi.
Bħala għaqda mhux governattiva, Hospice Malta għandha bżonn is-sostenn u d-donazzjonijiet tal-pubbliku biex tkompli tipprovdi s-servizzi tagħha. Il-pubbliku jista’ jkompli jagħmel id-donazzjonijiet tiegħu fuq is-sit hospicemalta.org.