€1,409,085 hija s-somma totali li nġabret ilbieraħ waqt il-Festa ta’ Ġenerożità, maratona ġbir ta’ fondi annwali, li ssir fl-ewwel jum tas-sena b’risq id-Dar tal-Providenza.
Permezz tal-fondi miġbura, id-Dar se tkun tista’ tkompli tipprovdi l-aħjar servizz residenzjali lil 115-il persuna b’diżabilità li jgħixu fid-djar tagħha fis-Siġġiewi u fil-komunità.
Id-Direttur tad-Dar Fr Martin Micallef irringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi għall-ġenerożità tiegħu.
Huwa żied jgħid li j’Alla li s-solidarjetà li ntweriet fl-ewwel tas-sena mad-Dar tal-Providenza tibqa’ tintwera matul is-sena kollha ma’ dawk fis-soċjetà Maltija li jeħtieġu l-appoġġ.
Fuq il-paġna tiegħu fuq facebook, il-Prim Ministru Robert Abela wkoll ingħaqad f’dan l-appell u ddeskriva x-xogħol ta’ din id-dar bħala imprezzabbli.
Bħal kull sena, għadd ta’ parroċċi f’Malta w Għawdex organizzaw ġabriet speċjali li mbagħad ingħataw lid-Dar f’isem il-komunità parrokkjali.
Intant, wara waqfa ta’ sentejn, reġa’ sar l-irkant ta’ xogħlijiet tal-arti.
Dan sar kollu kemm hu online u d-dħul mill-bejgħ ta’ ix-xogħlijiet laħħaq is-somma ta’ €28,605.