Inġabru aktar minn £32,000 għal tifla Ġermaniża li nġibdet tibki f’ritratt wara li t-tim Ġermaniż inqala’ mill-kampjonat tal-Euro 2020 kontra t-tim Ingliż.
Ir-ritratt ġibed ħafna attenzjoni lejh, iżda wkoll wassal għall-abbuż online fuq iċ-ċkejkna.
L-eks plejer tal-futbol Ingliż, Stan Collymore, ippubblika ritratti b’statuses li uħud tellgħu fuq Twitter bi kliem dispreġjattiv u ta’ abbuż kontra ċ-ċkejkna; fosthom ġiet mgħajjra bin-nazzjonalità tagħha kif ukoll il-passat ikrah tal-Ġermanja fi żmien in-Nażissti.
Intant, Joel Hughes minn South Wales wara li ra dan kollu, iddeċieda li jwaqqaf paġna fuq JustGiving bil-għan li jiġbor £500 għat-tifla biex juriha li mhux kull persuna fir-Renju Unit għandha l-odju li wrew xi ftit persuni online. Infatti, bosta donaturi kkumentaw biex jagħmlu kuraġġ lit-tifla u esprimew li l-kliem u l-azzjonijiet disgustanti ta’ xi wħud ma jiriflettux il-ħsieb tal-maġġoranza tal-persuni fir-Renju Unit.
F’temp ta’ erbat ijiem is-somma miġbura kienet tammonta għal ftit aktar minn £32,000 f’donazzjonijiet minn nies li riedu juru l-appoġġ tagħhom lejn it-tifla.
Bħalissa s-sit JustGiving qed jipprova jikuntattja lill-familja tat-tifla. Il-pjan huwa li ssir diskussjoni biex il-flus miġbura jintgħataw lill-karità, filwaqt li titqajjem kuxjenza dwar il-bullying.