Fl-ewwel nofstanhar tal-ewwel jum li fih bdew jinġabru l-boroż il-bojod tal-iskart mill-ikel, inġabru aktar minn 23 tunnellata.
F’kumment ma’ ONE News, l-Uffiċjal responsabbli mill-proġett, Clive Falzon spjega kif bħalissa fit-toroq hemm persuni inkarigati li jikkomunikaw mal-kollettur fejn waqt li jkunu qed jiċċekjaw il-boroż li nħarġu huma se jkunu qed iweħħlu stickers ħomor li jindikaw li l-borża li nħarġet, jekk tkun sewda, mhix dik li sippost inħarġet illum. Apparti minn hekk Falzon qal ukoll li qed jitweħħlu l-istickers il-ħomor fuq il-boroż il-bojod ukoll, dejjem jekk dawn il-boroż ma jkunx fihom materjal mhux organiku.
Spjega kif dawk il-boroż suwed li nħarġu llum, forsi anke bi żball, u dawk il-boroż il-bojod li nħarġu b’materjal mhux organiku mhux se jkunu qed jinġabru.
Fil-kumment ma’ ONE News, Falzon spjega kif l-ammont li nġabar fl-ewwel nofstanhar huwa wieħed inkoraġġanti. Dan hekk kif dan l-ammont qabeż l-ammont li jinġabar is-soltu fil-fażi ta’ proġett pilota – liema ammont ma jinkludix in-numru ta’ trakkijiet li bħalissa jinsabu fi triqithom lejn l-Impjant ta’ Sant’Antnin.