Persuni tefgħu skart tal-kostruzzjoni f’nofs it-triq prinċipali tal-Mosta, fosthom ġebel, madum u anke trab.
Dan l-istazzjon ħa r-reazzjoni tad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni għat-Tindif Ramon Feguara, li ddeskriva dan il-każ bħala wieħed xokkanti u tal-mistħija.
Huwa stqarr: “Sfortunatament matul din il-ġimgħa kellna nintervjenu f’diversi postijiet fejn qed naraw żieda ta’ rimi illegali tal-iskart prinċiparjament huwa dak tal-kostruzzjoni. Propju lbieraħ fil-Mosta, Triq Durumblant nistgħu ngħidu li rajna każ xokkanti fejn sibna materjal ta’ kostruzzjoni biċċiet tal-madum fit-triq prinċipali.”
Deguara spjega kif immedjatament bdiet ħidma minn bosta ħaddiema sabiex jitneħħa dan l-iskart u saħaq kif għaddejja wkoll investigazzjoni mill-Pulizija sabiex tidentifika min wettaq dan ir-reat.
Huwa spjega: “Sar koordinament sabiex il-ħaddiema u l-makkinarji nneħħu dan l-iskart mit-toroq. Hemm arranġamenti mal-Pulizija sabiex minn kameras tas-sigurtà jidentifikaw il-persuni li tefgħu l-iskart.”
Filwaqt li appella biex kulħadd ikun responsabbli, Deguara spjega li dan l-att apparti li huwa illegali, ipoġġi lix-xufiera tal-karozzi f’periklu kbir.
Huwa sostna: “Apparti li r-rimi tal-iskart huwa illegali minnu nnifsu huwa ħażin, hemm il-periklu li jintefa f’nofs ta’ triq fejn jgħaddu karozzi fi triq dritta u l-vetturi, Issibu ma’ wiċċek u joħloq inkonvenjent.”
Matul il-ġimgħa li għaddiet, il-ħaddiema ħabbtu wiċċhom ukoll ma’ skart illegali fil-Marsa, Ħal Saptan, Għar Ħasan u Ta’ Qali.
Huwa temm jgħid li hemm bosta faċilitajiet li wieħed jista’ jarmi l-iskart tal-kostruzzjoni fihom, iżda it-toroq mhumiex parti minnhom.