- Tindif fil-bajja tal-Għadira
- Tindif fil-bajja tax-Xemxija
- Titneħħa l-alka minn ħdejn il-pont tal-Gillieru
- Tindif fil-bajja ta’ San Ġorġ f’Paceville
- Tkompla t-tindif fit-toroq arterjali
Dak li kien temp sabiħ għal dawk li jħobbu temp Xitwi, għal oħrajn din il-grigalata kienet tfisser biss ħsara u xogħol ta’ tindif. Wara l-maltemp li ħakem lil pajjiżna, wieħed japprezza u jirrikonoxxi l-ħidma tad-Direttorat tat-Tindif li ħadem biex ineħħi kull tip ta’skart u terrapien – minn siġar imqaċċta għal ċnut mwaqqgħin, strutturi mkissrin u kull tip ta’ skart ieħor.
Kienu total ta’ 60 uffiċjal pubbliku mid-Direttorat tat-tindif li kienu impenjati f’ħidma intensiva sabiex jitneħħa l-iskart matul il-jum tas-Sibt filwaqt li aktar minn 70 uffiċjal ssejħu l-Ħadd. Bejniethom dawn ġabru 177 tunnellata ta’ skart, f’servizz ta’ emerġenza biex ikun żgurat li jitneħħa l-periklu u l-ingombru miż-żoni l-aktar milqutin.
Fi stqarrija fuq s-sit uffiċjali tas-servizz pubbliku, ġie spjegat li s-Sibt il-bajja tax-Xemxija kellha titnaddaf tliet darbiet u dik ta’ Wied il-Għajn darbtejn. Sadanittant ġie implimentat servizz ta’ tindif ta’ emerġenza fit-toroq arterjali u distributorji kollha tal-pajjiż. Sar tindif estensiv f’Baħar iċ-Ċagħaq, minn fejn tneħħew xejn inqas minn sitt trakkijiet ta’ materjal li tella’ l-baħar. Sar ukoll xogħol ta’ tindif fuq il-promenade ta’ San Ġiljan.
Fi stqarrija, ġie spjegat li l-ħidma tad-Direttorat għadha għaddejja u li fadal kwantitá kbira ta’ alka x’titneħħa mill-bajjiet fejn jidher li f’xi iħawi l-ammont ta’ alka laħaq livell rekord.
Fuq is-sit tas-servizz pubbliku, saret referenza għall-ħidma kbira li saret fil-jien li għaddew minn ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet, tal-Korp tal-Pulizija u tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.