Infexx f’bikja u spiċċa jħabbat idejh fuq rasu Themistocles Attard ta’ 46 sena minn Birżebbugia wara li l-qorti ċaħditlu t-talba għall-ħelsien mill-arrest u ntbagħat fit-Taqsima Forensika fl-Isptar Monte Karmeli. Fil-qorti huwa wieġeb mhux ħati għal akkużi relatati ma’ serq aggravat bil-valur u bi vjolenza li jammonta għal ħames mitt ewro, li żamm persuna kontra l-volonta tagħha, li ġarr arma fil-pubbliku u mingħajr liċenzja kif ukoll li kien riċediv.
Il-każ seħħ is-Sibt illi għadda fejn jidher li l-akkużat daħal jisraq minn ħanut tal-merċa fejn ipponta pistola, seraq ħames mitt ewro u żamm lil sid il-ħanut kontra l-volonta tagħha.
Fil-qorti ngħad li l-imputat huwa maħkum mill-vizzju tad-droga. Minkejja li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit irrifjutat it-talba. Dan wara li ħadet in konsiderazzjoni l-fatt li l-imputat diġa kien fuq police bail minħabba reati oħra u separati li għandhom x’jaqsmu ma’ serq.