Fil-Jum Dinji għall-Għarfien dwar il-Persuni Intersex, persuni li għal snin twal sfaw vittmi tad-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali, il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli fetħet l-uffiċini l-ġodda tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni f’Raħal Ġdid.
Fl-inawgurazzjoni, Dr Dalli fissret il-ftuħ ta’ dawn l-uffiċini bħala ħolma li saret realta.
Dr Dalli qalet li wara snin staġnati fl-istatus quo, il-Gvern se jkompli jaħdem biex jimplimenta l-liġijiet robusti li jindirizzaw kull tip ta’ diskriminazzjoni.
F’dan il-kuntest, il-ministru qalet li għaddej studju dwar l-impatt li l-Att dwar l-Ugwaljanza se jkollu fuq l-intrapriżi żgħar u medji u ladarba l-liġi tidħol fis-seħħ, il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza ssir entità awtonoma bil-Kummissarju jinħatar biż-żewġ terzi tal-Kamra.