Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana inawgura tliet ċentri ġodda ta’ servizz.gov, waqt żjarat li għamel fihom, akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija, Massimo Vella.
It-tliet ċentri, li għaddew minn rinovar estensiv, jinsabu f’San Pawl il-Baħar, fl-Imsida u fil-Mosta. Din il-ħidma hi parti minn investiment ta’ €850,000 li servizz.gov għamel fl-2023, biex iżid l-aċċessibbiltà għall-pubbliku u jitjieb l-aċċess għas-servizzi pprovduti f’ċentri aktar moderni u siguri. Dan se jwassal ukoll għal użu ta’ enerġija aktar effiċjenti.
Iċ-ċentru ta’ San Pawl il-Baħar jinsab biswit il-knisja parrokkjali, dak tal-Imsida fi Triq il-Wied, filwaqt li ċ-ċentru l-ġdid tal-Mosta jinsab fi Triq il-Parroċċa.
Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana qal li servizz.gov hu l-mezz ewlieni kif is-Servizz Pubbliku jasal għand in-nies, tant li fl-ewwel sitt xhur din l-aġenzija rċeviet aktar minn miljun talba għall-informazzjoni.
Sostna li servizz.gov qed tkompli tinvesti fil-pjattaformi kollha tagħha biex il-klijent jinqeda dejjem aktar b’mod immedjat u effiċjenti.
Min-naħa l-oħra, il-Kap Eżekuttiv Massimo Vella rrimarka li waqt li aktar nies qed jagħmlu użu mis-servizzi diġitali, matul is-sena li għaddiet, 293,000 persuna fittxew assistenza wiċċ imb’wiċċ fl-24 ċentru reġjonali li servizz.gov għandu mferrxin mal-pajjiż. Hu f’dan il-kuntest li l-aġenzija qed tinvesti biex timmodernizza dawn iċ-ċentri.