Infetħu n-nominazzjonijiet għall-Premju Soċjetà Ġusta, li permezz tiegħu, il-Gvern se jkun qiegħed jippremja l-ħidma, l-impenn u d-dedikazzjoni li wrew nies jew azjendi partikolari fis-settur tad-diżabilità.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli, fejn spjegat li l-Gvern irid jesprimi apprezzament lil kull min jaħdem għal soċjetà iżjed inklussiva.
Qalet, “Il-Premju Soċjetà Ġusta jiffoka fuq ħames premijiet differenti li aħna rridu naraw li nħarsu lejn il-persuni b’diżabilità lejn l-abbiltajiet tagħhom u mhux lejn id-diżabilità u wkoll aħna nippremjaw dawk il-persuni fis-soċjetà tagħna illi jkunu spikkaw fil-ħidma tagħhom f’dan is-settur.”
B’kollox se jkunu qegħdin jingħataw ħames premjijiet. Dawn jinkludu: l-Premju għal kisba tul il-ħajja fis-settur tad-diżabilità; Premju għal ħidma fit-tisħiħ tad-drittijiet tal-persuni b’diżabilità; Premju Soċjetà Ġusta; Premju parteċipazzjoni attiva fl-isport, arti u kultura; u Premju għall-iktar post tax-xogħol li jaħdem b’mod inklussiv.
Il-formola tal-applikazzjoni tista’ tinkiseb mis-sit www.inkluzjoni.gov.mt jew mill-uffiċini tal-Ministeru f’Ħal Lija.
L-applikazzjonijiet jagħlqu fl-aħħar ta’ Novembru f’nofsinhar.