Waqt żjara mill-President Myriam Spiteri Debono u l-Ministru għall-Ambjent Dr Miriam Dalli fl-uffiċini tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, tħabbar li nfetħu n-nominazzjonijiet għall-unuri annwali msejħa ERA Awards, li din is-sena wkoll se jinkludu erba’ kategoriji ġodda.
Il-President iltaqgħet mal-uffiċjali fid-dipartimenti tal-awtorità, bil-Kap Eżekuttiv, Kevin Mercieca, jagħti spjega ġenerali dwar il-ħidma li ssir u li żdiedet qatigħ fl-aħħar snin.
Il-President faħħret id-dedikazzjoni sħiħa tal-uffiċjali biex jilqgħu għall-isfidi fil-ħarsien tal-ambjent ta’ pajjiżna.
“Għandna erba’ awards ġodda li jolqtu setturi differenti, partikolarment hemm awards speċjalizzati għat-tfal fl-iskejjel u hemm ukoll tliet awards oħrajn ġodda għal din is-sena biex ir-responsabbiltà li aħna, kollha kemm aħna, għandna din min qed jikkontribwixxi biex ikollna ambjent aħjar, nirrikonoxxu l-kontenut tiegħu”.
Myriam Spiteri Debono, Presidnet
Il-Ministru Dalli saħqet li, fl-aħħar ftit snin, saru bidliet importanti, fosthom li l-ERA ssimplifikat il-proċessi tal-permessi, espandiet żoni protetti u żiedet l-ispezzjonijiet.
“Naf li għall-President Myriam Spiteri Debono, ix-xogħol ambjentali u l-ħidma ambjentali huma importanti ħafna, allura s-sapport tagħha għal dawn l-awards għalina hu importanti mmens, għax b’dan il-mod nkunu qegħdin nirrikonoxxu u niċċelebraw lil dawk l-individwi, organizzazzjonijiet, skejjel li verament għandhom għal qalbhom l-ambjent u juru b’mod konkret permezz ta’ inizjattivi konkreti kif qegħdin jaħsbu li jħallu u jagħmlu impatt ambjentali aħjar.”
Il-Ministru Miriam Dalli
Aktar tagħrif dwar l-ERA Awards 2025 jinsab fuq is-sit uffiċjali tal-ERA, waqt li l-applikazzjonijiet għan-nominazzjonijiet jibqgħu miftuħin sat-8 ta’ Ġunju li ġej.