Tlesta r-rinovar fl-uffiċini tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara bil-għan li jingħata servizz aħjar lill-Karkariżi.
Fil-ftuħ ta’ dawn l-uffiċini, intqal kif Birkirkara hija lokalità importanti fiċ-ċentru ta’ Malta, li b’popolazzjoni ta’ madwar erbgħa u tletin elf persuna, għandha realtajiet uniċi.
Is-Sindku ta’ Birkirkara, Joanne Debono Grech sostniet li l-Kunsilliera u l-ħaddiema tal-Kunsill jeħtieġu l-aqwa ambjent biex fih jaqdu lir-residenti.
Qalet, “Dan l-uffiċċju sar biex in-nies Karkariżi jkunu moqdijin aħjar u l-istaff ikun jaħdem aħjar mal-Karkariżi.”
Il-Ministru għall-Gvern Lokali, Josè Herrera tkellem dwar dokument li mistenni jitnieda fiż-żmien li ġej dwar il-poteri tal-Kunsilli Lokali, li se jgħin lil dawn il-gvernijiet lokali jkunu aktar stmati.
Sostna li dan id-dokument huwa importanti għaliex l-aħħar wieħed li sar kien madwar għaxar snin ilu.
Spjega, “L-iskop tiegħu hu li indikajna numru ta’ pilastri li nħossu li l-Kunsilli Lokali għandhom jimmilitaw fihom, bħal per eżempju, l-aspett tal-ambjent, l-aspett ta’ kultura, l-aspett tas-soċjal u numru ta’ pilastri li aħna nemmnu li l-kunsilli għandhom ikunu aktar involuti. Ovvjament aħna rridu nagħtu s-sapport lil dawn il-pilastri anke meta niġu biex noħorġu l-iskemi tal-finanzjament.”
Dan id-dokument mistenni jsaħħaħ il-vuċi tal-Kunsilli Lokali biex anke jipparteċipaw aktar fi proġetti kapitali fil-lokalitajiet tagħhom.