Għad-disa’ sena konsekuttiva, mill-25 ta’ Lulju se jibdew il-klassijiet ta’ reviżjoni tas-SEC bla ħlas, li huma organizzati mill-Youth Guarantee Project, iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea.
Hekk kif ilbieraħ ħarġu r-riżultati tal-O’Levels, infetħu l-applikazzjonijiet sabiex l-istudenti li m’għaddewx mis-suġġetti tal-Bijoloġija, Ingliż, Malti, Matematika u Fiżika jattendu għal dawn il-klassijiet, li se jibqgħu għaddejjin sal-aħħar t’Awwissu.
Dawn il-klassijiet se jippreparaw lill-istudenti sabiex jagħmlu r-resits f’dawn is-suġġetti f’Settembru li ġej.
Dawn il-klassijiet bdew fis-sajf tal-2014 u s’issa għenu ’l fuq minn 5,000 student sabiex ġabu r-riżultati mixtieqa.
L-istudenti jistgħu jattendu għal dawn il-klassijiet ‘online’ jew ġewwa wieħed miċ-ċentri: fil-Mosta, l-Blata l-Bajda, Raħal Ġdid u r-Rabat, Għawdex.
Dawn jistgħu jagħżlu li jattendu għal massimu ta’ tliet suġġetti, li tinkludi l-għażla ta’ suġġett tax-Xjenza.
L-istudenti jistgħu japplikaw online fuq is-sit www.jobsplus.gov.mt/revisionclasses u se jibqgħu miftuħta sad-19 ta’ Lulju.